L-element żagħżugħ fil-festi tagħna dejjem kellu mportanza kbira. Kien fl-1954 meta l-ewwel Kummissjoni Żagħżagħ Rabtin Pawlini ġiet imwaqqfa uffiċjalment. Għalkemm qabel dik is-sena dejjem kien hemm żagħżagħ ħabrieka li taw sehemhom b’risq il-festi tagħna, kien proprju sitt snin qabel is-sena Ċentinarja tal-1960 li z-żagħżagħ ħassew li kellhom jagħqdu l-ewwel kummissjoni żgħażagħ f’Malta sabiex il-frott tal-ħidma tagħhom tissarraf f’opra li kellha tibqa rikordju tas-sena 1960, li tant kienet importanti għalina r-Rabtin. Xhieda ta’ dan hija proprju t-terħa rrakmata fid-deheb li għadha tintrama sal-lum il-ġurnata fuq l-artal maġġur fil-festa titulari.


L-ewwel seduta ġenerali saret fl-1955 ġewwa s-sala prinċipali tal-Każin San Pawl. Skond informazzjoni mogħtija mis-Sur Orazio Cachia, għalkemm l-għaqda taż-żgħażagħ ma kinitx waħda uffiċjali taħt il-Każin San Pawl, xorta setgħet titqies bħala semi-uffiċjali tant li l-kumitat kellu l-permess juża l-kamra tal-kumitat għas-seduti u juża l-faċilitajiet tal-każin għall-iskopijiet konnessi mal-organizzazjoni tal-kumitat. Fost dawn kienet tintuża l-kamra ta’ taħt it-teatrin l-antik tal-każin biex l-għaqda terfa l-armar tagħha. Taħt dan il-palk ħafna miż-żgħażagħ kienu jlestu l-forom tal-karti u l-kartun kif ukoll is-sufarelli li kienu jinħarqu għal San Pawl.


L-ewwel formazzjoni tal-Kumitat kienet hekk :


President Henry P Fenech
Viċi President Joe Galea
Segretarju Orazio Cachia
Kaxxier            Paul Galea
Membri            Charles Eastwood Jnr, Carmelo Borg u Paul Portelli 

 


Wara l-ewwel President tal-Kummissjoni fl-1954 Henry Paul Fenech segwew Orazio Cachia,  Joseph Fenech, Jesmond Borg, Manuel Sapiano, Christopher Calleja, Arthur Magri u Christian Galea. L-ewwel proġett kbir taż-Żgħażagħ Rabtin Pawlini kien dak tat-terħa irrakmata bid-deheb fil-bellus, terħa li għadha titqies bħala waħda mill-isbah li jeżistu f’pajjiżna. L-idea kienet ingħatat mill-anzjan Katald Cachia u l-proġett kien ppromovit mis-segretarju taż-żgħażagħ f’dak iż-żmien Orazio Cachia. Kien hemm żewġ disinni : dak ta’ Mastru Tonna u dak ta Mastru Karm Vassallo. Finalment intagħżel ta’ Vassallo. Id-drapp inxtara  mingħand Galea Fu Filippo ta’ Strada Merkanti, l-Belt u sewa Lm 50. Ix-xogħol tar-rakkmu sar mis-Sorijiet tal-monasteru taż-Żejtun taħt id-direzzjoni ta’ Mastru Karm Vassallo li kien jinżel jara l-progress fix-xogħol kull nhar ta’ Ħadd flimkien maż-żgħażagħ. B’kollox swiet mat-Lm 330.


Apparti l-ewwel proġett kbir, dak tat-terħa,  kienu ħafna l-proġetti li twettqu miż-żagħżagħ matul is-snin sal-lum - il ġurnata bħal fost l-oħrajn il-bandiera ta’ San Pawl li kienet tintrama fil-gallarija tal-Kazin sa ftit tas-snin ilu, il-bandalora ta’ San Pawl (1957) li kienet tinħareg waqt il-marċ,  donazzjoni ta’ numru ta’ strumenti lis-Soċjeta San Pawl, ħlas tar-rack tal-antarjoli ġewwa l-maħzen il-ġdid tal-festa, sett ta’ 4 reflectors għal fuq iż-żuntier tal-Knisja, bandalori ġodda għall-Pjażża tal-Parroċċa, sett pavaljuni għal Triq San Pawl, sett ta’ 20 antarjolu tal-ħadid għal Triq Santa Rita, diadema tal-fidda ibbanjata bid-deheb għall-istatwa Titulari, restawr tal-istatwa Titulari tal-Appostlu Missierna San Pawl, liedna ghat-toroq prinċipali u sett ta’ sitt trofej ġodda għall-Pjażża tal-Parroċċa.


Għalkemm il-progett tat-Trofej tpoġġa bħala waħda mill-prioritajiet tal-Kummissjoni xorta baqgħu isiru ħafna attivitajiet immirati biex ikomplu jiġbdu liż-żgħażagħ lejn il-festi tagħna, bħal maratona tal-liedna, night hikes, treasure hunts u anki parties ghaż-żgħażagħ ġewwa l-Każin San Pawl. Lanqas ma naqqasna mill-kontribut taghna fl-organizzazjoni tal-marċi fejn min sena ghall-oħra ħloqna sorprizi oriġinali biex inkomplu nsebbħu l-marċi. Ma jistax jonqos li nirringrazzjaw lill dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom f’kull okkażzjoni u attivita li ġiet organizzata għaliex proprju dan ikompli jagħti kuraġġ biex jitwettqu proġetti bħal dak li għandna quddiemna.

Attivitajiet

 

Harga Kulturali

  It-tieni Harga Kulturali organizzata miz-Zghazagh Rabtin Pawlini ser tohodna gewwa l-Belt Valletta fejn permezz ta' spjegazzjonijiet min gwidi lokali ser nipruvaw nifmhu ahjar l-wirt li hallew fi gziritna l-Kavallieri tal-Ordni ta.. Aqra iktar»